L-intenzjonijiet tal-Papa u riflessjonijiet għal Lulju 2006


L-offerta ta’ kuljum

Missier Etern,
Noffrilek dak kollu li nagħmel illum,
il-ħsibijiet, il-ħidma, il-ferħ u tbatijiet,
Agħmel li,
imħeġġeġ mill-Ispirtu s-Santu u magħqud ma’ Ġesù fl-Ewkaristija
ħajti llum tkun ta’ servizz għalik u għal oħrajn.

U nitlob ma’ Marija u mal-Knisja kollha għall-intenzjoni tal-Papa għal dan ix-xahar:

Intenzjoni Ġenerali

Li l-ħabsin kollha, speċjalment dawk żagħżagħ, tingħatalhom l-għajnuna biex jerġgħu jiskopru sens ta’ valur fihom infushom. 

Li kommunitajiet differenti, kemm etniċi u reliġjużi jitgħallmu jgħixu fil-paċi, u flimkien jibnu soċjetà bbażata fuq valuri umani u spiritwali.

Riflessjonijiet

Xenqiet il-Qalb

Il-Papa Ġwanni Pawlu II darba qal li l-bnedmin m’għandhomx jabbandunaw lilhom infushom jew posthom fid-dinja; ma għandhomx isiru lsiera ta’ sistemi ekonomiċi, ilsiera tal-produzzjoni, u ta’ l-ebda ħaġa oħra.

Il-ħabsin, speċjalment dawk żagħżagħ, huma nies li b’xi mod saru lsiera tas-soċjetà konsumerista. It-tendenza li l-bnedmin jistmaw lilhom infushom skond ħaddieħor x’għandu, x’jagħmel u x’jaħseb, kif ukoll il-fatt li ħafna nies ma jirnexxielhomx iżommu relazzjoni stabbli, iwassal biex jħajjarhom li jkollhom u jakkumulaw aktar u aktar, sabiex jimlew il-vojt f’ħajjithom. 

Ir-riklamar jippreżentalhom eluf ta’ ideat, li joħolqu għira fost il-fqir, u jagħtu l-impressjoni li l-kuntentizza fil-ħajja tiddependi fuq l-affarijiet materjali li wieħed għandu. Imbagħad, dak li hu superfiċjali isir mixtieq, dak li hu mixtieq isir bżonn u dak li hu bżonn isir essenzjali! La l-ħwejjeġ materjali ma jissodisfawx dak li tixxennaq għalih il-qalb, u l-anqas joffru skop għall-ħajja, wieħed jagħżel minflok li jaħrab mir-realtà u jintilef fil-pjaċiri. Xi oħrajn tiġihom it-tentazzjoni li jgħaddu ħajja ta’ delinkwenti, saħansitra ta’ delitti. 

Jeħtieġ nitolbu li l-ħabs, minflok li jkun sempliċiment lok ta’ kastig, ikun post fejn wieħed jista’ jerġa’ jiskopri l-valur tiegħu nnifsu.
 

 

 

 

Erġa' lura